Dan is-sit mhuwiex l-uniku wieħed dwar l-ilsien Malti. F’din il-paġna hawn ġabra ta’ siti, paġni u riżorsi diġitali li huma utli għal min jixtieq jitgħallem aktar dwar il-Malti, jikteb b’Malti aħjar, jew li jrid post wieħed għall-aktar links utli.
Minkejja li s-sit ikteb.mt ma jieħu l-ebda responsabbiltà tal-kontenut li jinstab f’dawn il-links, intgħażlu biss sorsi ta’ min jorbot fuqhom.
terminoloġija u traduzzjoni
Traduzzjoni.mt
Traduzzjoni.mt huwa sit li jagħmel l-għodda tat-traduzzjoni disponibbli għall-pubbliku. Joffri servizz ta’ traduzzjoni awtomatika msejsa fuq l-eTranslation, teknoloġija tal-Kummissjoni Ewropea, li taħdem tajjeb ħafna fil-qasam tal-Malti li ssib fid-dokumenti leġiżlattivi. Għandu wkoll għodda tat-traduzzjoni (CAT tool) li toffri għodda li tixbah software bħall-iStudio, li jintuża minn ħafna tradutturi professjonali li jagħmlu xogħol għall-istituzzjonijiet Ewropej.
IATE
L-IATE tista’ tgħid hija l-vanġelu tat-tradutturi tal-Unjoni Ewropea (flimkien mal-leġiżlazzjoni li torbothom). Tiġbor fiha miljuni ta’ termini fil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE (u l-Latin) u hija utli ħafna għat-traduzzjoni ta’ termini tekniċi f’ħafna oqsma, ismijiet xjentifiċi, ismijiet ta’ organizzazzjonijiet jew regolamenti, eċċ.
Hija magħmula primarjament għat-tradutturi tal-UE, iżda dan ma jfissirx li mhijiex utli wkoll għal traduzzjonijiet oħrajn. Madankollu: hemm xi affarijiet x’ninnutaw:
1) Imbilli xi ħaġa tkun fl-IATE, ma jfissirx li hi biss tajba;
2) Oqgħod attent f’liema qasam terminu jkun validu. “Performance” fil-kuntest tal-inġinerija u fil-kuntest tal-arti tfisser żewġ affarijiet differenti, li ma jiġux tradotti bl-istess mod.
Glossarji fuq malti.mt
Ġabra ta’ għadd ta’ termini minn oqsma differenti, minn snajja’ tradizzjonali, bħall-biedja, il-bini, is-sajd u s-sengħa tal-furnara u tal-mastrudaxxa, sa setturi ġenerali, bħall-kliem tal-mediċina, tax-xagħar, tal-ilbies u tal-mużika. Ħafna mit-termini huma mislutin mit-teżijiet li jinħadmu fid-Dipartiment tal-Malti bil-għan li jiġbru l-lessiku ta’ reġistri differenti. It-termini nġabru f’dan is-sit bis-saħħa tal-proġett MALRP04 Ġabra Terminoloġika, iffinanzjat mir-Research Seed Fund tal-Università ta’ Malta.
organizzazzjonijiet
Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti
Il-Kunsill tal-Ilsien Malti huwa l-awtorità dwar il-Malti: dak li jgħid hu, jgħaddi. Madankollu, għall-kontra ta’ dak li jaħsbu xi wħud, id-deċiżjonijiet li jsiru mill-Kunsill isiru b’mod riċerkat bis-sehem ta’ ħafna nies li studjaw u li jaħdmu bil-Malti.
L-Akkademja tal-Malti
L-Akkademja tal-Malti ilha mwaqqfa għal aktar minn mitt sena, u l-għan ewlieni tagħha huwa li ġġib ‘il quddiem l-istudju akkademiku fuq il-letteratura u l-lingwistika Maltija. Qabel ma nħoloq il-Kunsill tal-Malti, ir-regoli tal-ortografija tal-Malti kienu f’idejn l-Akkademja.
Is-sit tal-Akkademja fih ukoll ir-regoli tal-kitba, fil-format PDF.
L-Għaqda tal-Malti
Organizzazzjoni oħra bi storja twila hija l-Għaqda tal-Malti fl-Università ta’ Malta. Din l-għaqda torganizza attivitajiet b’rabta mal-Malti, u tippubblika wkoll il-ġurnal Leħen il-Malti.
Inizjamed
Inizjamed hija għaqda volontarja li tħabrek b’risq il-kultura Mediterranja, b’mod speċjali fuq il-litteratura Maltija. Ta’ kull sena, torganizza l-Festival Mediterranju tal-Letteratura ta’ Malta.
riċerka
malti.mt
Is-sit tar-riċerka tad-Dipartiment tal-Malti fi ħdan l-Università ta’ Malta. Fih bosta riżorsi, inkluż glossarji b’rabta ma’ oqsma speċifiċi, ġabra ta’ għarfien dwar id-djaletti Maltin, dwar it-tradizzjoni orali, kif ukoll ġabra ta’ pubblikazzjonijiet u teżijiet li għandhom x’jaqsmu mal-Ilsien Malti.
MLRS
Korpora tal-ilsien Malti, b’ġabra kbira ta’ testi li tista’ tfittex fihom biex tara l-frekwenza tal-kliem. Aktar minn xejn huwa maħsub bħala għodda għar-riċerka, iżda jaf ikun utli biex tara jekk, pereżempju, varjant ta’ kelma jintużax aktar minn ieħor (pereżempju “żona” jew “zona”).
ġurnal
l-aċċent
Pubblikazzjoni maħruġa mid-Dipartiment tal-Ilsien Malti fi ħdan id-Direttorat Ġenerali tat-Traduzzjoni fil-Kummissjoni Ewropea, li tħares lejn ilsienna minn bosta aspetti, b’enfasi speċjali fuq it-traduzzjoni.
edukazzjoni
malti.skola.edu.mt
Sit maħluq minn uffiċjali edukattivi tal-Malti biex jgħin lill-għalliema tal-Malti.
maltikurja.com
Sit maħluq u aġġornat biex jgħin lill-għalliema tal-Malti fl-iskejjel sekondarji tal-Knisja, iżda li huwa ta’ interess aktar ġenerali wkoll.
tagħrif ġenerali
Kelma Kelma
Il-paġna ta’ Facebook ta’ Kelma Kelma kienet strumentali biex ħafna nies japprezzaw ġmiel il-Malti.
Għidha bil-Malti
Sit (li beda minn paġna ta’ Facebook) li jħeġġiġna biex nużaw il-Malti bl-aħjar mod possibbli.
verb.mt
Sit mill-kreaturi ta’ Għidha bil-Malti, li fih il-konjugazzjonijiet tal-verbi bil-Malti.
qawl.mt
Sit ieħor mid-dar ta’ Għidha bil-Malti. Bħalma jixhed sew ismu, fih issib il-qwiel.
Il-Malti Madwarna
Paġna ta’ Facebook li tikkampanja għal aktar viżibbiltà tal-ilsien Malti.
Il-Miklem
Sit magħmul bi mħabba għall-ilsien Malti u għall-wirt Malti. Infatti, fih insibu ħafna materjal mill-kotba Qiegħda fuq il-Ponta ta’ Lsieni tal-folklorista, utli ħafna għat-termini b’rabta mas-snajja’ u l-ħajja ta’ kuljum Maltin. Is-sit għandu tendenza li jagħti preferenza għal Malti aktar semitiku li mhux bilfors jintuża fil-ħajja ta’ kuljum, u ġieli ssiblu xi żbalji tal-ortografija, ħaġa li l-kreatur tas-sit stess jammetti.
Kelmet il-Malti
Grupp għad-diskussjoni dwar l-Ilsien Malti. Spiss isiru mistoqsijiet interessanti li jsibu tweġibiet interessanti minn xi espert li jinzerta fil-grupp. U spiss isiru mistoqsijiet minn min ikun qed jagħmel xi tisliba jew jgħin lit-tfal fix-xogħol għad-dar tagħhom. Insomma, ftit minn kollox.
Linji gwida
Linji gwida interistituzzjonali (għal dokumenti tal-Unjoni Ewropea)
Struzzjonijiet bir-reqqa għall-konvenzjonijiet li għandom jiġu segwiti fil-kitba (u traduzzjoni) tad-dokumenti tal-UE. Jinkludu wkoll lista ta’ kif għandhom jinkitbu l-ismijiet tal-pajjiżi (li saret f’konsultazzjoni mal-Kunsill tal-Malti).
Linji gwida interni (għal dokumenti tal-Kummissjoni Ewropea)
Minbarra li huma gwida għal kif għandhom jiġu tradotti d-dokumenti tal-Kummissjoni Ewropea, insibu wkoll għadd ta’ mistoqsijiet u tweġibiet li jistgħu jkunu utli għal kull min jittraduċi jew jikteb bil-Malti.