Dawn id-deċiżjonijiet, li l-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti ħa fl-2008, għandhom l-għan li jnaqqsu l-inċertezzi fl-ortografija tal-Malti
Il-lista alfabetika ssibha hawn
1. L-aċċent
1.1 Fil-Malti jinkiteb biss l-aċċent ` meta jaqa’ fuq vokali li tkun f’tarf ta’ kelma b’aktar minn sillaba waħda fi kliem li mhux ta’ nisel Semitiku.
eż. karità, kafè, Marì, però, virtù
L-aċċent ċirkumfless ˆ ma jintużax aktar.
2. L-ittri kapitali
2.1 L-isem proprju
L-ewwel ittra ta’ isem proprju u ta’ kull kelma li tagħmel parti mill-istess isem, minbarra l-artiklu u l-prepożizzjoni, tinkiteb kbira. Jekk il-prepożizzjoni tiġi fil-bidu tal-isem, tinkiteb b’ittra kbira wkoll.
eż. Marija Borg, il-Gudja, Malta, Venere, Triq il-Kbira, Bieb il-Belt, in-nies ta’ Tas-Sliema, l-Aġenzija Appoġġ, wasal Ħadd il-Palm, mort Ta’ Pinu u tlabt lill-Madonna ta’ Pinu, ix-xatt ta’ Ta’ Xbiex, f’Ta’ Paris, l-Awtorità tax-Xandir, il-Kamra tal-Avukati, l-Ordni ta’ San Ġwann, il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, il-Bank Nazzjonali tad-Demm, l-Università ta’ Malta
2.1.1 L-artiklu tal-bidu fl-isem proprju għandu jinkiteb b’ittra kbira meta jintuża waħdu, ngħidu aħna f’indirizz, f’tabella jew f’mappa.
2.1.2 Kull meta nom komuni jintuża b’sens ta’ nom proprju jinkiteb b’ittra kbira.
eż. Qiegħed fil-ħanut ta’ wara l-knisja. Imma:
Illum il-Knisja qed tiċċelebra festa kbira.
Żort kemm-il pajjiż u dort kemm-il belt. Imma:
Għada nidħol sal-Belt.
Biex titjieb fl-analiżi jeħtieġ tagħmel ħafna kritika prattika. Imma:
Il-Kritika Prattika hija suġġett interessanti ħafna.
2.2 Id-direzzjonijiet
L-ismijiet tal-irjieħ u tad-direzzjonijiet jinkitbu b’ittra kapitali.
eż. riħ Tramuntana, Grieg il-Lvant, il-Punent, il-Lvant, in-Nofsinhar, ix-Xlokk Nota: Niktbu riħ fuq, riħ isfel
2.3 Il-pubblikazzjonijiet
Meta nikkwotaw pubblikazzjoni, l-ewwel ittra tal-isem tinkiteb kbira (anke jekk tkun l-artiklu).
eż. Dan ir-reklam kien deher f’Il-Ġens.
Min hu l-karattru ewlieni f’Aħna Sinjuri; f’Is-Salib tal-Fidda; fi Ħdejn in-Nixxiegħa?
2.4 L-ismijiet xjentifiċi
L-ismijiet xjentifiċi tal-ispeċi normalment ikunu magħmulin minn żewġ kelmiet: il-ġenus u l-ispeċi. Skont l-istandard internazzjonali, barra milli t-tnejn jinkitbu korsiv (jew b’sing taħthom), l-ewwel kelma (il-ġenus) tinkiteb dejjem b’ittra kbira, filwaqt li t-tieni kelma (l-ispeċi) tinkiteb dejjem b’ittra żgħira.
eż. il-Pistacia lentiscus, it-Tyrannosaurus rex, il-Monticola solitarius
Nota: Meta l-isem jieħu l-vokali tal-leħen fuq quddiem, jibqa’ jinkiteb b’ittra kbira (sewwasew bħal fil-każ tal-ismijiet tal-prodotti [ara Żieda mat-Tagħrif, Ċ11ċ])
eż. l-iSparidae, l-iStegosaurus, l-iStromatopteris
2.4.1 L-ismijiet popolari tal-flora, il-fawna, l-elementi kimiċi, eċċ. jinkitbu b’ittra żgħira bħan-nomi komuni l-oħra.
eż. il-begonja, l-oleandru, il-pitirross, l-awrat, l-aluminju, iċ-ċomb
2.5 L-ismijiet tal-postijiet
L-ismijiet tal-postijiet bl-element topografiku tagħhom jinkitbu b’ittra kbira.
eż. il-Baħar Mediterran, il-Vulkan Etna, ix-Xmara Nil, il-Muntanja Sinaj, il-Baħar l-Aħmar,l-Oċean Indjan, il-Wied tal-Isperanza, il-Blata tal-Ġeneral, il-Gżejjer ta’ San Pawl, il-Bajja ta’ San Tumas
2.5.1 L-aġġettiv li jitnissel mill-isem tal-post jinkiteb b’ittra kbira.
eż. Ir-reġjun Bask mimli siġar.
Iċ-ċentru Mosti mimli ħajja.
2.5.2 L-isem tan-nies tal-post jinkiteb b’ittra kbira.
eż. Mosti, Għawdxi, Ingliża, Ġermaniżi, Taljan, Ewropea, Amerikani
2.5.3 L-ismijiet tal-lingwi u tal-familji tal-lingwi u d-derivattivi nominali tagħhom jinkitbu b’ittra kbira.
eż. il-Malti, l-Ingliż, ir-Rumanz, kliem ta’ nisel Semitiku, Ingliżata, Arabiżmu
2.6 Għaqdiet u movimenti
L-ismijiet tal-movimenti, għaqdiet u reliġjonijiet jinkitbu b’ittra kbira.
eż. il-Barokk, ir-Rinaxximent, il-Protestantiżmu, l-Iżlam
2.6.1 L-aġġettivi li jitnisslu mill-ismijiet tal-movimenti, tal-għaqdiet u tar-reliġjonijiet jinkitbu b’ittra kbira.
eż. l-arti Rinaxximentali, pajjiż Nisrani, stil Sikulo-Normann
2.6.2 L-ismijiet tal-membri tal-għaqdiet u l-movimenti (kulturali, reliġjużi, eċċ.) jinkitbu b’ittra kbira.
eż. il-Buddisti, id-Dumnikani, il-Franġiskani Kapuċċini, l-Impressjonisti, il‑Kattoliċi, il-Laburisti, in-Nazzjonalisti, ir-Rinaxximentali,ir-Romantiċi
2.7 It-titli
Titlu jew isem ta’ kariga li jaħbat eżatt qabel l-isem ta’ persuna jinkiteb b’ittra kbira.
eż. Irrid infaħħar lill-Avukat Pawlu Hili tax-xogħol siewi li għamel dis-sena.
Nirringrazzjaw lit-Teżoriera Michelle Borg tar-rendikont li tat fis-seduta ġenerali.
L-Isqof Mario Grech ħareġ pastorali mal-Arċisqof Pawlu Cremona.
2.7.1 L-ewwel ittra ta’ titlu mqassar tinkiteb dejjem kbira.
eż. ir-Rev. Ġorġ Attard, Dr Josette Grima, Dott. Mario Piscopo, is-Sur Michael Farrugia, il-Prof. Lina Xuereb, l-Onor. Peter Attard, l-Inġ. Justine Zammit
2.7.2 Meta l-isem tal-kariga jintuża waħdu u jirreferi għal individwu partikolari, jinkiteb b’ittra kbira.
eż. Ilbieraħ it-Teżorier qal li qed jaħsibha jirriżenjax.
L-Arċisqof wasal tard imma xorta wasal qabel l-Isqof.
Nota: Bħala nom komuni, it-titlu jew isem ta’ kariga jibqa’ jinkiteb b’ittra żgħira.
eż. Dis-sena laħaq kanonku ieħor fil-parroċċa tagħna.
Kull teżorier jaf x’jiġifieri żżomm il-kontijiet sewwa.
Meta jiġri hekk, ir-responsabbiltà kollha taqa’ fuq il-president.
2.8 L-isem tal-muniti
L-isem tal-muniti jinkiteb b’ittra żgħira.
eż. tliet ewro, seba’ ċenteżmi, lira sterlina, disa’ dollari
2.9 L-ismijiet taż-żmien
2.9.1 L-ismijiet tax-xhur u tal-jiem tal-ġimgħa jinkitbu b’ittra kbira.
eż. Jannar, Ġunju, Diċembru, il-Ħadd, l-Erbgħa, il-Ġimgħa, is-Sibt
2.9.2 L-ismijiet tal-istaġuni u tas-sekli jinkitbu b’ittra żgħira.
eż. ir-rebbiegħa, il-ħarifa, l-ewwel jum tas-sajf, fi tmiem ix-xitwa, mis-seklu dsatax sas-seklu wieħed u għoxrin
3. It-tagħqid tal-kliem
B’mod ġenerali, kull kelma tinkiteb mifruda (ara 3.1), iżda hemm każijiet fejn għal xi raġuni jew oħra l-elementi ta’ frażi jinkitbu magħqudin (ara 3.2).
3.1 Frażijiet bl-elementi mifruda
3.1.1 Frażijiet bi kliem imtenni
Fi frażijiet li jikkonsistu mill-istess kelma mtennija, iż-żewġ kelmiet għandhom jinkitbu separati.
eż. baxx baxx, biss biss, ftit ftit, fuq fuq, ħelu ħelu, kemm kemm, inkiss inkiss, qajl qajl, xejn xejn
3.1.2 Kliem il-għadd
Frażijiet bi kliem il-għadd jinkitbu mifrudin.
eż. tnejn u għoxrin ċenteżmu, disa’ mija u tlieta u tletin biljett, erba’ mitt persuna, erbat elef student
Nota: Kliem il-għadd bejn ħdax u dsatax jibqa’ jinkiteb bis-sing. Bl-istess mod tinkiteb kemm-il.
eż. erbatax-il ktieb, dsatax-il karozza, ħmistax-il ewro, kemm-il kaxxa
3.1.3 Frażijiet b’nett
Frażijiet li t-tieni element lessikali tagħhom huwa nett jinkitbu mifrudin.
eż. l-isbaħ nett, fuq nett, wara nett, taħt nett, l-ewwel nett, l-aħħar nett, mill-bidu nett, quddiem nett
3.1.4 Frażijiet b’la jew a la
Frażijiet li jibdew b’la jew a la jinkitbu bil-kliem mifrud, u tipikament jieħdu t-tifsira “bil-manjiera ta’”, “skont il-moda ta’”.
eż. la ġenba, la Maltija, la mejta, la ħanżira, a la xanxè, a la Taljana
Nota: labranzetta/lambranzetta llum hija kelma waħda u għalhekk tinkiteb sħiħa.
3.1.5 Frażijiet b’għala
Frażijiet li jibdew bil-prepożizzjoni għala jinkitbu bil-kliem mifrud.
eż. għala biebu, għala dejjem, għala għajni, għadda minn għala widnejh
3.2 Frażijiet bl-elementi magħquda
3.2.1 B’mod ġenerali, meta l-elementi ta’ frażi jitilfu t-tifsira individwali tagħhom u flimkien jakkwistaw tifsira ġdida, jinkitbu magħqudin bħala kelma waħda.
Dan ma jgħoddx għall-idjomi.
Nota: Fl-Appendiċi A hemm lista ta’ kliem bħal dan li jinkiteb magħqud.
eż. fil-waqt/filwaqt:
Fil-waqt tal-mewt tiegħu, xtaq jerġa’ jara lil ibnu.
Imma: Filwaqt li ma ntikx tort, lanqas nista’ nagħtik raġun.
minn fuq/minfuq:
Malli sema’ li wasalna, niżel minn fuq biex jagħtina merħba.
Imma: Minfuq li ppruvajt ngħinu, dar kontrija.
il-lejla/illejla:
Din hija l-lejla li ili nistenna għomri kollu. Imma:
Illejla inkwetat u m’għandix aptit niekol.
3.2.2 Il-prefissi
3.2.2.1 Il-prefiss jinkiteb mal-kelma bħala ħaġa waħda, jiġifieri mingħajr l-ebda żieda bejniethom (ħlief fil-każijiet imsemmija fi 3.2.2.2 u 3.2.2.4).
eż. awtosuġġestjoni, indipendenti, kofinanzjat, poliklinika, semifinali, sottokumitat
Nota 1: Dan jgħodd ukoll meta l-prefiss ikun jispiċċa b’vokali u l-kelma tkun tibda b’vokali wkoll.
eż. antieroj, awtoanaliżi, gastrointestinali, kontroeżami, psewdointellettwali, semiawtomatiku
Nota 2: Meta l-prefiss ikun jispiċċa b’vokali u l-kelma tkun tibda bl-istess vokali, hemm tendenza li fil-pronunzja waħda mill-vokali tinxtorob. F’dawn il-każi tista’ tinkiteb jew vokali doppja jew singla. eż. antiinflammatorju jew antinflammatorju, kooperattiva jew koperattiva, koordinatur jew kordinatur
3.2.2.2 Meta l-prefiss jiġi qabel kelma li tibda b’ittra kapitali, bejniethom jidħol sing.
eż. anti-Taljan, pro-Ingliż, pan-Afrikan, inter-Mediterranju
3.2.2.3 Meta quddiem kelma bi prefiss jiżdied prefiss ieħor, dan jinkiteb magħqud magħhom bl-istess mod.
eż. bużbużnannu, arċiimmatur, postpost-Moderniżmu
3.2.2.4 Hemm xi elementi jixbhu l-prefissi li joqogħdu quddiem il-kelma imma bi drawwa ma jingħaqdux magħha.
Dawn huma: aġent, assistent, deputat, ex/eks gran, kap, viċi u magħhom: prim, sekond, terz (fil-fem. prima, sekonda, terza, jew imqassrin prim’, sekond’, terz’).
eż. assistent kummissarju, deputat kap, Gran Mastru, Kap Kmandant, prim’awla, Prim Ministru, sekond kuġin, terza persuna, terz’ordni, viċi sindku
Nota 1: Kull prefiss li jista’ jiġi quddiem dawn jibqa’ mifrud minnhom.
Nota 2: Xi espressjonijiet b’dawn l-elementi ilhom stabbiliti miktubin kelma waħda u jibqgħu jinkitbu hekk.
eż. primadonna, grankè, viċirè
3.2.3 Il-prepożizzjonijiet ma’, sa, ta’ qabel vokali, għ jew h
Qabel kliem li jibda bil-vokali, bil-għ jew bl-h, il-prepożizzjonijiet ma’, sa, ta’ jistgħu jinkitbu sħaħ jew imqassrin (m’, s’, t’).
eż. ta’ April / t’April ma’ Elena / m’Elena
sa issa / s’issa
sa Ottubru / s’Ottubru
ta’ Ugo / t’Ugo
ma’ għeluq is-sena / m’għeluq is-sena
ta’ hemmhekk / t’hemmhekk
3.2.4 Il-ma tan-negattiv qabel vokali, għ jew h
Qabel kliem li jibda bil-vokali, bil-għ jew bl-h, il-ma tan-negattiv tista’ tinkiteb sħiħa ma jew imqassra m’
(iżda ara wkoll il-każ tal-pronomi personali fi 3.2.5).
eż. ma hemmx / m’hemmx
ma hawnx / m’hawnx
ma għandux / m’għandux
ma hemiżx / m’hemiżx
ma afdax / m’afdax
Nota: Dan ma jgħoddx għall-verbi ta’ nisel barrani li z-zokk tagħhom fil-Malti jibda bil-vokali i.
eż. ma infurmatx, ma interroganix
3.2.5 In-negattiv tal-pronomi personali
Il-pronomi personali magħżulin għandhom ukoll funzjoni verbali.
eż. Ħija huwa tabib magħruf.
F’din il-funzjoni jistgħu jieħdu n-negattiv bħall-verbi.
Magħhom, il-kelma ma tan-negattiv tista’ tinkiteb jew sħiħa jew imqassra.
Meta tkun imqassra titlef il-vokali a, u:
a. quddiem il-pronomi li jibdew bl-h, tinkiteb magħquda magħhom bħala kelma waħda (minkejja r-regola 3.2.4):
eż. mhux, mhuwiex, mhix, mhijiex, mhumiex
b. quddiem il-pronomi l-oħrajn kollha tinkiteb m’:
eż. m’iniex, m’intix, m’aħniex, m’intomx
2.
eż. Dan mhux ir-riżultat li kont qed nistenna.
Ix-xemx mhux dejjem issaħħan.
Il-kwistjoni mhija ċara xejn.
M’aħniex qed naqblu.
Naf li m’intomx daqshekk boloh.
Nota: In-negattiv tal-pronomi personali bil-ma mqassra jinkiteb hekk:
sing.
1.
[jiena] m’jiniex, m’iniex – m’jiena
[jien] m’jienx – m’jien
[inti] m’intix – m’inti
[int] m’intx – m’int
3m.
[huwa] mhuwiex – mhuwa
[hu] mhux – mhu
3f.
[hija] mhijiex – mhija
[hi] mhix – mhi
plur.
1. [aħna] m’aħniex – m’aħna
2. [intom] m’intomx – m’intom
3. [huma] mhumiex – mhuma
3.2.6 Il-prepożizzjonijiet ġo, ma’, sa, ta’ mal-artiklu
Il-prepożizzjonijiet ġo, ma’, sa u ta’ jingħaqdu dejjem mal-artiklu anke quddiem kliem li jibda
bil-vokali, bil-għ u bl-h.
eż. tal-Amerikani, mal-erbat irjieħ, sal-Italja, tal-orsijiet, ġol-università, sal-għalqa, tal-hena
3.2.7 Il-prepożizzjoni kontra bil-pronomi mehmużin
Meta l-pronomi personali jinhemżu mal-prepożizzjoni kontra jinkitbu hekk: kontrija, kontrik, kontrih, kontriha, kontrina, kontrikom, kontrihom
4. Il-kitba tal-għeruq u z-zkuk
Billi l-Malti ħa mill-morfoloġija tas-Semitiku u minn dik tar-Rumanz, xi kliem Malti jinbena bl-għerq u xi kliem biz-zokk.
Fil-kitba tal-għerq u f’dik taz-zokk japplikaw regoli differenti.
4.1 L-għerq
Għalkemm jistgħu jinstemgħu differenti, ġeneralment il-konsonanti ta’ għerq il-kelma jibqgħu jinkitbu l-istess.* Jiġifieri jintuża għerq wieħed li jirrappreżentahom ilkoll. Hekk, ngħidu aħna, KTB huwa l-għerq li jinkiteb fil-kliem kollu mibni fuqu, imqar jekk f’dan il-kliem il-konsonanti jistgħu jibdlu leħinhom minħabba l-assimilazzjoni. Għalhekk niktbu ktibna (fejn KTB jinstemgħu KTB), ktieb, kiteb (fejn KTB jinstemgħu KTP), kitbu (fejn KTB jinstemgħu KDB), jiktbu (fejn KTB jinstemgħu GDB). B’hekk tinżamm l-identità tal-għerq Semitiku.
4.2 Iz-zokk
Meta zokk jidher taħt suriet differenti
(eż. predik-atur, prietk-a; magn‑a, makkin-arju; popl-u, popol-azzjoni), ma nagħżlux zokk wieħed
għalihom kollha, imma kull forma tinkiteb skont ma tissuġġerixxi l-fonetika tagħha. Għalhekk niktbu: impieg/impjieg u impjegat; kreditur u krettu, akkrettu; kwadru/inkwatru u inkwadra; elettriku u elettriċità.
Nota: Xi kitbiet li huma stabbiliti mill-konswetudni għax laħqu ndraw minn kulħadd u ma jiksrux prinċipji fonetiċi jibqgħu jinkitbu kif kienu s’issa. eż. Sindku
5. Deċiżjonijiet dwar kliem ieħor
5.1 Kliem bla varjazzjoni sinkronika fl-għerq/zokk
F’dan il-kliem, li fih titlissen dejjem l-istess konsonanti, ingħażlet il-kitba li tikkorrispondi għall-fonetika. Dan sar mhux biss biex iħaffef il-kitba imma wkoll fid-dawl ta’ deċiżjonijiet oħra li ttieħdu qabel, fosthom dik li tirrigwarda l-kitba ta’ kliem bil-konsonanti h (ara: Aġġornament tat-Tagħrif, It-tieni parti, I, 2). Il-forma li qed tidher ingassata fil‑parentesi kwadri m’għandhiex tkompli tinkiteb.
bies (pl. bisien) [u mhux bież]. Titlissen s f’kull għamla tagħha.
duħ [u mhux dugħ]. Titlissen ħ f’kull għamla tagħha.
dvalja [u mhux tvalja]. Titlissen d f’kull għamla tagħha.
dverna [u mhux tverna]. Titlissen d f’kull għamla tagħha.
għafrit [u mhux għafrid]. Titlissen t f’kull għamla tagħha.
każbar [u mhux kasbar]. Titlissen ż f’kull għamla tagħha.
lembuba [u mhux lenbuba]. Titlissen m f’kull għamla tagħha.
naħnaħ [u mhux nagħnagħ]. Jitlissnu ħ-ħ f’kull għamla tagħha.
risq [u mhux riżq]. Titlissen s f’kull għamla tagħha.
rkoppa (+ għarkopptejh/għarkupptejh) [u mhux rkobba, eċċ.]. Titlissen p f’kull għamla tagħha.
skont [u mhux skond]. Titlissen t f’kull għamla tagħha, anke b’vokali warajha. L-ambigwità ma’ skont “traħħis” hija improbabbli ħafna minħabba l-kuntest.
eż. Jiġifieri, skontok, il-ħajja kompliet togħla? Skonti, iva.
il-Vanġelu skont San Mattew
zoptu/soptu [u mhux zobtu/sobtu]. Titlissen p f’kull għamla tagħha.
5.2 Tqarrib lejn ir-realtà fonetika
Fid-deċiżjoni dwar dan il-kliem ingħatat prijorità lill-aktar tlissin komuni fost il-kelliema tal-Malti.
ammen [u mhux amen]
Awwissu [u mhux Awissu]
ażma, ażmatiku [u mhux ażżma, ażżmatiku]
beritta [u mhux berritta]
denn (pl. denji) [u mhux den, dennji]
dettall (pl. dettalji), iddettaljat [u mhux dettal, dettallji, iddettalljat]
ewwieq [u mhux ewieq]
ġiex (+ ġixt bit-t marbuta) [u mhux ġix]
għajjat (verb tat-2ni forma) [u mhux għajat]
għajjat (nom verbali) [u mhux għajat]
id. Din il-kelma tinkiteb id- jew jd- skont il-pronunzja li jkollha fil‑kelma partikolari.
eż. aħsel idek, aħsel idejk, erfa’ idek, erfa’ jdejk, tini idek, tini jdejk, f’idek, f’idejk
imb (fil-frażijiet ras imb ras, riħ imb riħ, wiċċ imb wiċċ) [u mhux imb’]
indenn (f. indenja, pl. indenji) [u mhux inden]
inizjattiva [u mhux inizzjattiva]
Iżlam, Iżlamiku [u mhux Islam, Islamiku]
’k (bħala jekk imqassra) [u mhux ’kk]
eż. ’k Alla jrid
karozza [u mhux karrozza]
kuritur/kurutur [u mhux kuridur/kurudur]
peprin [u mhux pepprin]
ruxxmata [u mhux ruxmata]
subien [u mhux subjien]. Għalkemm l-għerq huwa SBJ, f’dik il-pożizzjoni l-konsonanti j titlef leħinha, u fil-kitba ilha titwaqqa’ f’din il-kelma (kif ġieli titwaqqa’ fi kliem bħal żieda/żjieda, tieba/tjieba).
5.3 Lealtà lejn nisel il-kelma (fis-sens lessikali u/jew morfoloġiku)
Arabja, arabesk, Arabiżmu [u mhux Għarabja,għarabesk, Għarabiżmu]. Għalkemm in-nisel aħħari tiegħu huwa Għarbi, dan iz-zokk reġa’ daħal fil-Malti mit-Taljan. Mill-għerq oriġinali Għarbi nibqgħu niktbu: Għarab, Għarbi.
dgħufija [u mhux djufija jew dgħjufija]. L-għerq huwa DGħF u fil-forma tan-nom ta’ kwalità jagħtina dgħufija, minkejja li l-għ hawn titlissen j.
diq, diqa [u mhux dieq, dieqa]. Ix-xhieda storika ta’ dil-kelma b’għerq DJQ telimina l-possibilità ta’ vokali a twila jew ie. Fil-kelma djieq, l‑ie hija l-vokali tad-9 forma verbali.
għaġla [u mhux għaġġla]. L-ebda forma morfoloġika ma tiġġustifika l‑forma ingassata.
(bejn) ħaltejn [u mhux ħalltejn]. Għalkemm ġieli tfissret bħala l‑Imtenni ta’ ħalla “mewġa kbira”, jidher li fil-fatt ġejja minn ħala “sitwazzjoni, kundizzjoni”, li għandha l-istess tifsir fi bħala (< bi + ħala).
Magreb [u mhux Magħreb]. Għalkemm ta’ nisel Għarbi, dil-kelma daħlet fil-Malti mit-Taljan u/jew l-Ingliż.
nagħaġ [u mhux ngħaġ]. Għalkemm ngħaġ hija plural plawsibbli għal nagħġa, il-forma nagħaġ, stabbilita mill-konswetudni aktar milli mill-etimoloġija, ukoll tidħol sewwa f’mudell ta’ plural possibbli (ara: ħofra/ħofor, labra/labar, fidda/fided).
(f’) sikktu (f’sikkti, f’sikkithom, eċċ.) [u mhux f’siktu]. Jidher li l-kelma hi marbuta mal-għerq SKK u mhux ma’ SKT. Forom bħal f’sikkitha, f’sikkithom jikkonfermaw din l-etimoloġija.
xbieha (pl. xbihat) [u mhux xbiha].
xhieda (= “testimonjanza”/“nies li jixhdu”) [u mhux xiehda]. Filwaqt li l-morfoloġija tipprovdi mudell għal xhieda “testimonjanza” (qabbel: indiema, tqala, indafa) kif ukoll għal xhieda “nies li jixhdu” (qabbel: bdiewa, iltiema, qraba), ma tinsabx forma għal xiehda “nies li jixhdu”. Din hi distinzjoni li nħolqot fi żmien relattivament reċenti biex tagħżel artifiċjalment tifsira minn oħra permezz tal-kitba, ħaġa li fil-lingwa mhix meħtieġa ladarba l-kuntest jagħżel biżżejjed bejniethom.
5.4 Il-Fedeltà lejn mudell ortografiku barrani li ndara
Afrika, Afrikan [u mhux Affrika, Affrikan]
bibliku, biblista [u mhux bibbliku, bibblista] Imma: Bibbja
5.5 Riinterpretazzjoni tal-għerq
bużbież [u mhux busbies]. Għalkemm l-għerq oriġinali kien bis-s, illum nippronunzjaw biż-ż quddiem vokali (bużbieża).
għarax/għarrax [u mhux għargħax]. Verb ta’ derivazzjoni inċerta. F’din is-sitwazzjoni ntgħażlet l-aktar forma sempliċi li hija wkoll morfoloġikament sostenibbli.
heżżeż [u mhux heżheż]. Għalkemm xi dizzjunarji Maltin jagħtu varjanti kwadrilittera, il-forma trilittera hija iktar fidila lejn il-fonetika.
Appendiċi A
Il-kliem li ġej għandu jinkiteb magħqud meta jkollu tifsira waħda, kif għandu fl-eżempju.
afli
Afli wiċċek tost wisq, biex qed terġa’ titlobni dak li ma ħaqqekx!
akkrettu
L-ewwel elfejn ewro li qalgħu poġġewhom il-bank akkrettu tiegħek.
allaħares
Imma allaħares ma jaslux il-passaporti… Kif nistgħu nsiefru mingħajrhom?
apposta (+ t’apposta, tal-apposta, għal t’apposta, għal tal-apposta)
Din mhix kumbinazzjoni; din għamilhieli apposta biex jinkini.
Xtrajna żebgħa apposta li l-ħażiż ma jaqbadx magħha.
Waqt il-logħba xejjirlu daqqa ta’ sieq t’apposta.
Jissejjaħ delitt doluż meta r-reat ikun twettaq għal t’apposta u b’malizzja. Kienet kumbinazzjoni; ma ngħidx li kixfuh għal tal-apposta.
awlillejl, ewlillejl
Kristu talab awlillejl qabel ma bata.
beħsiebni, beħsiebi, biħsiebni, biħsiebi
Jgħidu x’jgħidu, biħsiebi mmur illum stess.
Fil-btajjel tas-sajf beħsiebhom jerħulha lejn l-Alaska.
bħalissa
Bħalissa ma nistax niftakar x’jismu z-ziju tal-mara.
bħallikieku, bħalkieku
Bħallikieku jekk jogħla ż-żejt mhux kulħadd se jlaqqatha!
Oqgħod attent minnha, għax taf tiksrek bħalkieku xejn.
bħalma
Bħalma lkoll tafu, wasalna biex intemmu ħidmitna.
bilfors (+ ta’ bilfors)
Bilfors li ma ftehemniex.
Dan dmirek u trid tagħmlu ta’ bilfors.
bilġri (tfisser “dlonk”; ara wkoll f’Appendiċi B: bil-ġiri)
Malli lemaħni telaqhom u ġie bilġri ħdejja.
bilħaqq
Bilħaqq, għax kont sa ninsa, inti taf li llejla għandna laqgħa, hux?
bilkemm
Bilkemm laħaq daħal li ma bediex jargumenta.
billejl
Ħafna mis-serq isir billejl biex id-dalma tostor kollox.
bilqiegħda
Mhux rispett li meta jidħol is-surmast fil-kamra tibqa’ bilqiegħda.
bilwieqfa
Meta jindaqq l-Innu Malti nqumu bilwieqfa.
binhar
Nippreferi naħdem billejl milli binhar.
biżżejjed
Issa biżżejjed għax ħadtli rasi!
dalgħodu
Qed nipprova nispiċċa xogħli dalgħodu, imma fil-każ inkompli llejla.
dalwaqt (ġieli mqassra: daqt)
Stennieni ftit; dalwaqt/daqt inkun miegħek.
dakinhar
Mela nsejt x’kont għedtlek dakinhar?
daparti
Daparti tiegħi, qatt ma nqastu f’xejn, imma ħaddieħor ma nafx.
daqshekk (+ għal daqshekk, minn daqshekk)
Mhuwiex daqshekk importanti li timla din il-formola.
Għal daqshekk għamilt qorti?
Minn daqshekk, ma nistax ingerger minnha.
daqskemm
Qed inħossni stordut daqskemm għandi ġuħ!
Dalwaqt ninstabat mal-art daqskemm qed inħossni għajjien.
daqskieku, daqslikieku
Il-ġolf refa’ l-karettun b’id waħda, daqslikieku kien banketta.
daqstant
Ma kienx hemm daqstant nies fit-teatru.
Issa la ħabrikna daqstant, se naqtgħu qalbna fl-aħħar?
daqsxejn (+ għal daqsxejn)
Rajt daqsxejn ta’ tifel jibki.
Ħbieb, daqsxejn oħra u naslu.
Tfixkel fit-tapit u għal daqsxejn ma ħadhiex għal wiċċu.
dawramejt
Hu u ġej bil-ġirja, żelaq, dar dawramejt u spiċċa wiċċu ġol-ħajt.
dażgur
Dażgur li għandha l-garanzija dil-magna tal-ħasil!
filgħaxija, flgħaxija
Filgħaxija taqa’ s-sirda.
Kull flgħaxija ommi tħobb tmur timxi mixja minn Selmun sal-Mellieħa.
filgħodu
Naħdem billejl, u filgħodu nsibha bi tqila biex inqum mis-sodda.
filwaqt
Toni jħobb l-isfar, filwaqt li ħuh iħobb l-aħmar.
ġaladarba
Ġaladarba qed toġġezzjona, ikollna nwaqqfu l-proġett.
ġieli
Tal-gass ġieli jiġi fid-disgħa ta’ filgħodu, u ġieli fil-ħdax.
għaldaqstant
Għaldaqstant qed niktbulek biex nitolbuk appuntament.
għalfejn
Għalfejn qed tkellimni hekk?
għalhekk
Għandi l-karozza bil-ħsara, għalhekk ix-xogħol qed immur b’tal-linja.
għalissa
Għalissa ma nistax immur narah.
għalkemm
Għalkemm tilef ħafna lezzjonijiet, xorta għadda mill-eżami.
għalkollox
Issa qtajt qalbi għalkollox.
Begħna d-dar tal-Mosta u ġejna noqogħdu Wied il-Għajn għalkollox.
għalxejn
Jgħidu li l-qasba ma ċċaqċaqx għalxejn.
għarukaża, għarkaża
X’għarukaża! Ara ftit fejn mar jixħetha l-borża taż-żibel!
hawnhekk
Ersaq ’l hawn u poġġi hawnhekk.
Hawnhekk iltqajna ma’ għawġ ieħor.
hemmhekk
L-imħallef widdbu biex ma jersaqx ’l hemmhekk.
infatti
Sewwa qed tgħid, infatti jien dan għaddejt minnu.
inġenerali
Wara żmien twil tinħema fil-privat, id-deċiżjoni tħabbret lill-pubbliku inġenerali.
inkonsiderazzjoni
Meta niġi biex niġġudika, dawn il-fatturi serji jkolli noħodhom inkonsiderazzjoni.
inkwantu
Inkwantu għalina tinkwetax, għax aħna nafu nfendu għal rasna.
inkwistjoni
Kellna ħafna każi ta’ korruzzjoni, imma l-każ inkwistjoni huwa l-agħar wieħed sa issa.
insè
L-ikla insè ma kienet tgħid xejn, imma xorta ħadna pjaċir li ltqajna.
intant
Suppost ġew jgħinuna kmieni. Intant, ħalli nkomplu bix-xogħol.
jalla
Nixtiqilkom kull ġid; jalla jkollkom ħajja hienja flimkien.
kemxejn
Din kwistjoni kemxejn delikata.
Dan l-artiklu kemxejn itwal minn tal-bieraħ.
kulħadd
Kulħadd iħobb ftit tal-mistrieħ wara ġurnata xogħol.
kuljum
Imur jara lil ommu kuljum.
Din it-triq ngħaddi minnha kuljum għax-xogħol.
kullimkien
Fittixtu kullimkien, u ma sibtu mkien.
kulma
Mhux kulma jleqq deheb.
kultant, xi kultant
Jien hawn kuntent, imma kultant tiġini x-xewqa tas-safar.
Xi kultant jagħtini li mmur inkellmu.
ladarba
Ladarba noħroġ mill-ħabs, se nibdel ħajti.
lakemm
Mhux lakemm tgħidlu li għandu żball.
lanqas (iżda: għall-anqas, mill-anqas, tal-anqas)
Jien la rrid din u lanqas l-oħra.
Lanqas ħaqq li tajtni qatgħa bħal din.
Għall-anqas ma kissrulix il-fanali tal-karozza wkoll!
Mindu widdibtu, lili qed ifittixni mill-anqas.
Dan l-eżerċizzju trid tagħmlu mill-anqas erba’ jew ħames darbiet kuljum.
Tal-anqas ma qabadx miegħi l-prinċipal ukoll!
Infaqna ħafna flus imma tal-anqas ir-riżultati issa jidhru.
(i)lbieraħ (iżda: bħall-bieraħ, mill-bieraħ, tal-bieraħ, eċċ.)
Ilbieraħ ġrat diżgrazzja li se nibqgħu niftakruha.
Bħall-bieraħ ġimgħa għamlet dik il-maltempata kbira.
Dan kif mill-bieraħ sal-lum dawwart il-ħsieb?
Il-ftehim tal-bieraħ kien pass importanti lejn il-liberalizzazzjoni tal-midja.
ilbiraħtlula (iżda: għall-biraħtlula, mill-biraħtlula, sal-biraħtlula, eċċ.) Ilbieraħ kien il-Ħadd u lbiraħtlula s-Sibt.
Mill-biraħtlula għaddew jumejn u għadek ma qdejtnix.
Sal-biraħtlula konna rċevejna aktar minn mitt applikazzjoni.
illaħwa, xi llaħwa
Illaħwa, x’ħuta qbadt!
Xi llaħwa qed tgħid illum?
illejla (iżda: sal-lejla, tal-lejla, mil-lejla, eċċ.)
Illejla niltaqgħu fit-tmienja ħdejn Bieb il-Belt.
illum (iżda: bħal-lum, mil-lum, sal-lum, tal-lum, eċċ.)
Illum nagħlaq snini.
Illum ma trid tistagħġeb b’xejn.
L-ittra bgħatthielu llum u jirċeviha għada.
Se naqilbu l-folja u mil-lum ’il quddiem m’intix se tara ċenteżmu ieħor mingħandi.
Il-pakkett ilu ħmistax li ntbagħat imma sal-lum għadu ma wasallix.
Iż-żgħażagħ tal-lum għandhom wisq iktar xi jtellifhom minn ta’ dari.
lura
Min ġej ’il quddiem u min sejjer lura.
madanakollu, madankollu
Jgħidu li jħobbuh; madankollu, ħadd ma mar jarah.
madwar
Eżatt ma nafx, imma ngħidlek li kien hemm madwar tletin ruħ b’kollox.
Mort mixja madwar ir-raħal.
maġenb
Joqgħod sewwasew maġenb il-knisja.
manġapassiġġa
Hekk sewwa! Il-mara taħdem u int manġapassiġġa.
matul
Matul il-lejl għamlet ħafna xita.
minbarra
Minbarra l-impjieg, trid tlaħħaq ukoll max-xogħol tad-dar.
minflok
Minflok ma jgħinna, dejjem insibuh itellifna.
minfuq
Għandu tort, u minfuq irid jieħu tiegħu.
mingħajr
Mingħajr flus ma tagħmel xejn.
mingħalija, -k, -h, eċċ.
Jien kien mingħalija li inti kont taf b’kollox.
mingħand
Il-bolol jinxtraw mingħand tal-gazzetti.
Kif kont hemm, xtrajt kollox mingħandu.
minnufih
Tħallix żmien iktar, itlaq minnufih.
(i)mnalla
Imnalla ġibtuh intom l-inbid.
nofsillejl “12:00am”
F’nofsillejl ftaħna x-xampanja u xtaqna s-sena t-tajba lil xulxin.
nofsinhar “12:00pm”
F’nofsinhar kulħadd jieqaf mix-xogħol għall-ikel.
F’nofsinhar bumm konna nduru madwar il-mejda b’regolarità militari.
Wara nofsinhar id-dell jibda jitwal.
in-nofsiegħa “12:30 am jew pm”
(imma ara wkoll nofs siegħa).
Ħarġet mal-ħbieb, u missierha mar jiġborha fin-nofsiegħa ta’ filgħodu.
nofstanhar (pl. nofstanhari/nofstanharijiet)
Dam nofstanhar jilgħab mal-karozza.
Fis-sajf il-ħaddiema tal-gvern jaħdmu bin-nofstanhari.
pereżempju
Int, pereżempju, għal xiex ġejt hawn dalgħodu?
perkażu
Imma jekk, perkażu, ikunu qed jitkellmu bejniethom, m’għandekx tindaħal.
pezzakustjoni
Mindu dak il-pezzakustjoni daħal jaħdem magħna, spiċċaw il-paċi u l-għaqda ta’ bejnietna.
qabelxejn
Qabelxejn, nirringrazzja lil ommi għax kienet hi li xettlet fija l-imħabba lejn l-arti.
radjudramm
Fis-sittinijiet, il-palk sab żvog ġdid fir-radjudramm minn fuq ir-Rediffusion.
sadanittant, sadattant
Sadanittant, in-naħa l-oħra tal-Belt kienet qed isseħħ storja tinkiteb.
safrattant
Safrattant dak li ried jagħmel, xorta għamlu.
sakemm
Beħsiebni niġi, sakemm ma jinqala’ xejn.
Sakemm wasal sidu, il-qattus laħaq għamel straġi fil-kċina.
santafjakka
Jinżel ikaxkar saqajh mat-triq, bis-santafjakka.
santapaċenzja
Is-santapaċenzja, kif qridtni!
sewwasew
Il-logħob se jibda sewwasew issa.
skansafaċendi
Dak skansafaċendi; torbotx fuqu.
sogħobbih (jisgħobbih, eċċ.)
Jisgħobbija li ma nistax niġi miegħek illum.
Imxi sewwa ma’ ta’ taħtek, biex ma jisgħobbikx minn għemilek.
Nota: Dawn il-kelmtejn tant intrabtu flimkien li fin-negattiv, ngħidu aħna, iġibu ruħhom bħala verb wieħed flimkien (għaliex ngħidu: ma jisgħobbikx u mhux ma jisgħobx bik).
stabene
Miskin il-fqir għax ibati l-ġuħ, min ikun stabene lanqas jinduna bl-għoli tal-ħajja.
tabilħaqq
Għandu karattru tabilħaqq skifuż. Tabilħaqq, għandek raġun.
tabirruħ(u)
Għaddiet minn quddiemi, iżda għamilt tabirruħi li ma rajthiex.
tampar
Oħtok u ħija tampar xulxin.
Il-mamà tiegħu tampari.
taparsi
Taparsi mhux qed nisma’ dak li qed tgħid fuqi.
tassew
Dun Karm kiteb poeżiji tassew sbieħ.
teledramm
Tkun xi tkun il-kwalità artistika tiegħu, it-teledramm bil-Malti dejjem popolari.
użufrutt
Id-dar tal-ulied, imma l-ġenituri għandhom l-użufrutt tagħha.
waranofsinhar “il-medda ta’ ħin minn nofsinhar sa qabel filgħaxija”
Il-waranofsinhar it-tajjeb.
Għaddejt il-waranofsinhar kollu naqra u issa għandi moħħi mixrub.
xħin
Xħin daħlu, marru jorqdu minnufih.
Xħin tasal, ċempel il-qanpiena.
(i)żżejjed
Issa żżejjed! Wissejtek kemm-il darba u se jkolli nirrappurtak.
Appendiċi B
barra minn dan
barra minn hekk
bħal meta
bħal xejn
bil-ġiri (imma ara wkoll f’Appendiċi A: bilġri)
bil-kif
dal-ħin
dal-lejl
darba fill
fil-fatt
għad illi, għad li
fl-aħħar (+ sa fl-aħħar)
għal biex
għal daqshekk ➔ daqshekk
għal daqsxejn ➔ daqsxejn
għal għarrieda
għall-aħħar
għall-anqas, għall-inqas ➔ lanqas
għal li
għal tal-apposta, għal t’apposta ➔ apposta
għal xiex
kull darba
kull fejn
kull meta
kull min
kull xejn
liema bħalu, liema bħalha, eċċ.
Nota: Il-kitba liema qed tieħu post il-kitba li ma fi frażijiet bħal dehra ta’ ġmiel liema bħalu.
Il-kliem fl-espressjonijiet li ġejjin jinkiteb mifrud bi spazju jew b’sing, skont kif jidher hawn taħt.
lil hawn
lil hemm
lil hinn
linji gwida
mill-anqas ➔ lanqas
minn bejn
minn daqqiet, minn xi daqqiet
minn daqshekk ➔ daqshekk
minn fejn
minn tagħna
iżża ħajr
Nota: Għalkemm dawn il-kelmtejn x’aktarx jingħadu flimkien f’għamla ta’ formula u ġieli ssibhom miktuba f’kelma waħda, il-verb iżża huwa kkonjugat regolarment u jista’ jieħu l-pronom mehmuż bħal verbi oħra (ara: niżżi ħajr, niżżik ħajr, jiżżu ħajr, jiżżuna ħajr).
nofs siegħa “medda ta’ ħin ta’ 30 minuta” (imma ara wkoll nofsiegħa)
sa fejn
sa fl-aħħar ➔ fl-aħħar
sal-aħħar
ta’ bilfors ➔ bilfors
tal-anqas ➔ lanqas
t’apposta, tal-apposta ➔ apposta
wara nofsinhar “wara 12:00pm” ➔ nofsinhar
xi ħadd
xi ħaġa
xi kultant ➔ kultant
xi mkien
xi minn daqqiet
Id-dokument oriġinali b’dawn id-deċiżjonijiet issibu fis-sit tal-Kunsill tal-Malti. Qiegħed jiġi ppreżentat fuq dan is-sit sabiex il-pubbliku jkollu aċċess aħjar.