Ħafna minnkom jaf tiftakru żmien fejn biex tuża l-karattri ċ, ħ, ġ u ż fl-użu tal-kompjuter kellek tniżżel font speċjali tal-Malti. Din hija ormaj ħaġa tal-imgħoddi, u ħafna fonts, inklużi dawk li jiġu mal-Windows, jinkludu dawn l-ittri. Biex tkun tista’ tiktibhom faċilment, tkun trid taqleb it-tastiera għall-Malti, u hawn se naraw pass pass kif dan isir.
F’din il-gwida qed nassumu li qed tuża l-Windows bl-Ingliż, u li t-tastiera tiegħek hija waħda QWERTY.
Agħfas l-iStart menu, u minn hemm idħol fis-settings, u minn hemm, agħżel Time and Language
Agħżel Language mill-menù tax-xellug, u mbagħad agħfas Add a preferred language (+)
Minn hemm titlagħlek window biex tagħżel lingwa, agħżel il-Malti, u agħfas Next
Titlagħlek window Install language features. Agħfas Install
Wara li tkun installajt il-lingwa, il-Malti jkun fil-qiegħ tal-lista. Issa agħfas Options biex nagħżlu t-tastiera li se nużaw
Jekk ħdejn ix-Shift ⇧ għandek l-ittra Z, mela t-tastiera tiegħek hija 47-key. Jekk ħdejn ix-Shift ⇧ għandek \, mela t-tastiera tiegħek hija 48-key. Jekk se tixtri kompjuter jew tastiera ġdida, nissuġġerulek tixtri waħda 48-key għax aktar faċli tuża l-Malti biha.
Agħżel it-tastiera skont dik li għandek
U neħħi dik li m’għandekx bżonn billi tagħfas Remove
Agħfas il-vleġġa biex tmur lura, u minn dak il-window, agħfas il-vleġġa li tipponta ‘l fuq biex ittella’ l-Malti fuq nett fil-lista
Hekk issa tista’ tikteb bil-Malti kullimkien.
Biex tikteb l-ittra ċ, agħfas it-tast `.
Biex tikteb l-ittra ħ, agħfas it-tast ].
Għall-ittra ġ, agħfas it-tast [.
Għall-ittra ż, agħfas it-tast \ (ħdejn l-Enter ⏎ f’47-key, ħdejn ix-Shift ⇧ f’48-key).
Dawn il-karattri (`, ], ], u \) tista’ tiktibhom xorta waħda billi tagħfas AltGr fl-istess ħin.
Biex tuża l-aċċent ` fuq vokali, agħfas AltGr u l-vokali li tkun, pereżempju AltGr + a = à.
Jekk din il-gwida sibtha utli, aqsamha ma’ xi ħadd li taħseb li għandu bżonnha!